L-għan ewlieni tad-Direttorat tal-Analiżi tal-Politika Finanzjarja huwa li jipprovdi tmexxija fi kwistjonijiet ta’ natura finanzjarja speċjalment inizjattivi politiċi u leġiżlattivi relatati mas-settur finanzjarju u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u ekonomika, l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tal-potenzjal ta’ riskji relatati, kif ukoll valutazzjoni tal-implikazzjonijiet fuq il-Gvern u fuq il-finanzi pubbliċi li joħorġu mis-settur finanzjarju.
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Direttorat huwa li jissorvelja l-politika u l-leġiżlazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju, partikolarment dawk li joħorġu minn inizjattivi fl-ambitu tal-Unjoni Finanzjarja tal-UE u li jinkludu wkoll proposti taħt l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
Id-Direttorat għandu wkoll l-għan li jimmonitorja l-kundizzjonijiet finanzjarji fl-ekonomija minn perspettiva makroprudenzjali b’appoġġ għall-aġenziji nazzjonali l-oħra involuti. Id-Direttorat tal-Analiżi tal-Politika Finanzjarja jirrappreżenta lill-Gvern, u fejn meħtieġ, jassisti lir-rappreżentanti tiegħu, b’/fuq inizjattivi li jinteressaw aġenziji ekonomici u finanzjarji varji dwar kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni tas-settur bankarju u finanzjarju, il-valutazzjoni, ir-riskju u l-ittestjar tal-istress, inkluż il-ħarsa ġenerali u, fejn xieraq, it-tfassil ta’ dashboards ibbażati fuq indikaturi kif ukoll fl-iżvilupp ta’ oqfsa domestiċi għall-istabbiltà finanzjarja, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-użu ta’ għodod ta’ stabbilizzazzjoni.
Id-Direttorat tal-Analiżi tal-Politika Finanzjarja jirrappreżenta l-interessi ta’ Malta fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ servizzi finanzjarji filwaqt li jippromwovi miżuri fuq livell tal-UE u internazzjonali biex jinkoraġġixxu t-tkabbir u l-impjiegi, inkluż permezz tal-iżvilupp tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar kwistjonijiet tas-settur bankarju u finanzjarju. Id-Direttorat għandu wkoll l-għan li jissorvelja l-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi, jassisti lill-Gvern biex jiffaċilita l-aċċess tal-intrapriżi għall-finanzi u wkoll biex jimmonitorja u jeżamina l-istat tal-industrija finanzjarja f’Malta.