Dwarna

Id-Dipartiment tal-Politika Ekonomika jipprovdi lill-Gvern b’pariri u assistenza teknika fil-formulazzjoni tal-politika ekonomika, il-ġestjoni tal-attività ekonomika u l-politika tal-kummerċ internazzjonali bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tal-Gvern ta’ tkabbir ekonomiku u żvilupp, rata ta’ impjieg għoli u inflazzjoni baxxa u kompetittività fuq livell internazzjonali tas-swieq. F’dan il-kuntest, importanza tingħata lejn il-kisba ta’ qafas makroekonomiku stabbli permezz tal-kisba ta’ politika fiskali u ekonomika xierqa. Id-Dipartiment huwa responsabbli għal kompetenza wiesgħa ta’ politiki ekonomiċi li jvarjaw minn riformi strutturali, pensjonijiet, politika fiskali, tbassir makroekonomiku, u relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali. Id-Dipartiment jikkoordina diskussjonijiet u analiżi ta’ diversi aspetti tal-ekonomija Maltija ma’ korpi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Laqgħat regolari jsiru fi ħdan il-Kunsill Ewropew u mal-Kummissjoni Ewropea, l-aktar dwar kwistjonijiet ta’ politika kummerċjali, strutturali u fiskali. Id-Dipartiment jipparteċipa b’mod attiv f’laqgħat ma’ rappreżentanti minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu bħal Standard and Poor’s, Moody’s u Fitch. Id-Dipartiment huwa wkoll punt ta’ riferiment importanti fid-diskussjonijiet estensivi li jsiru ma’ rappreżentanti mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) li jżuru Malta għall-konsultazzjoni tal-Artikolu IV. Id-Dipartiment huwa involut ukoll f’ħidma relatata mar-Reviżjoni tal-Ekonomija tal-Unjoni Ewropea (UE) tal-OECD u r-Reviżjoni Ekonomika taż-Żona tal-Euro, li jsiru mill-Kumitat ta’ Reviżjoni Ekonomika u tal-Iżvilupp tal-OECD.

Id-Dipartiment tal-Politika Ekonomika huwa impenjat fit-tħejjija ta’ laqgħat ta’ tagħrif għal-laqgħat tal-ECOFIN, tal-Eurogroup u tal-Kumitat tal-Politika tal-Kummerċ tal-UE kif ukoll għal-laqgħat ta’ formazzjonijiet oħra tal-Kunsill u għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, kif ikun meħtieġ, skont it-tqassim tar-responsabbiltajiet tagħhom.

Id-Dipartiment tal-Politika Ekonomika jwettaq xogħol ta’ riċerka fuq diversi suġġetti ekonomiċi, fiskali, kummerċjali u finanzjarji, kif mitlub mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xoghol  jew flimkien ma’ Ministeri oħra, kif meħtieġ. Il-ħaddiema professjonali u tekniċi li jaħdmu fid-Dipartiment jieħdu numru ta’ inizjattivi oħra ta’ riċerka u fl-2014 id-Dipartiment nieda s-Serje ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tad-Dipartiment tal-Politika Ekonomika. Barra minn hekk, id-Dipartiment qed jippubblika wkoll fuq il-websajt tiegħu numru ta’ Artikli ta’ riċerka ta’ interess għall-operaturi ekonomiċi u dawk li jfasslu l-politika. Dawn il-pubblikazzjonijiet huma mmirati biex ixerrdu l-għarfien dwar l-ekonomija Maltija, jinkoraġġixxu diskussjonijiet oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin ta’ politika ekonomika u jipprovdu pjattaforma għall-ħaddiema professjonali u tekniċi tad-Dipartiment biex jippubblikaw r-riċerka tagħhom.

Barra minn hekk, bħala parti mill-proċess annwali tal-Baġit, id-Dipartiment jabbozza l-Istħarriġ Ekonomiku li jiġi ppreżentat kull sena fil-Parlament f’Jum il-Baġit. L-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika domestika u internazzjonali kif ukoll dwar il-prospetti makroekonomiċi hija ppreżentata f’dan id-Dokument. Barra minn hekk, id-Dipartiment jikkoordina wkoll it-tħejjija tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju li jiġi sottomess, fuq bażi annwali, lill-awtoritajiet Ewropej sal-15 ta’ Ottubru. Id-Dipartiment tal-Politika Ekonomika jagħti sehmu wkoll fit-tħejjija tad-Dokument ta’ Qabel il-Baġit. 

Id-Dipartiment tal-Politika Ekonomika huwa rappreżentat fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

Id-Dipartiment involut fil-koordinazzjoni Ministerjali tal-abbozzar tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u jimmonitorja elementi tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi tal-Pajjiż taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Finanzi.

Erba’ direttorati jiffurmaw id-Dipartiment tal-Politika Ekonomika, dawn huma, id-Direttorat tal-Analiżi tal-Politika Makroekonomika, id-Direttorat tal-Analiżi tal-Politika tat-Tassazzjoni u l-Benefiċċji, id-Direttorat tal-Analiżi tal-Politika Finanzjarja u d-Direttorat tal-Politika Ekonomika Internazzjonali.

Deskrizzjoni tal-mandati, dmirijiet u oqsma ta’ responsabbiltajiet ewlenin li jaqgħu taħt kull Direttorat hija ppreżentata fit-taqsima korrispondenti preżenti f’dan il-websajt. 

Organigramma u Funzjonijiet tad-Dipartiment tal-Politika Ekonomika



Ħinijiet tax-xogħol tad-Dipartiment tal-Politika Ekonomika
Sajf 1 ta’ Lulju – 15 ta’ Settembru: 7.30am sa 2.45pm Xitwa 16 ta’ Settembru – 30 ta’ Ġunju: 7.30am sal-4.15pm

Jekk jogħġbok innota li l-waqfa fix-xitwa hija bejn 12.30pm u 13.00p.m. u matul is-sajf bejn 12.30pm u 12.45pm.