Id-Direttorat tal-Analiżi tal-Politika Makroekonomika

Id-Direttorat tal-Analiżi tal-Politika Makroekonomika jipprovdi lill-Gvern pariri u assistenza esperta fil-formulazzjoni tal-politika ekonomika partikolarment fir-rigward tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi, it-tbassir, il-finanzi pubbliċi, l-istrateġija industrijali u s-sorveljanza fiskali tal-Unjoni Ewropea (UE) bħala parti mis-Semestru Ewropew, kif ukoll il-qafas finanzjarju multiannwali tal-UE. Bħala parti mill-programm ta’ ħidma tiegħu, id-Direttorat huwa responsabbli biex iħaddem u jaġġorna il-mudell tiegħu ta’ tbassir għat-terminu immedjat u jipproduċi tbassir ekonomiku biannwali. Id-Direttorat jissorvelja regolarment ukoll il-prestazzjoni tat-tbassir tiegħu, jipproduċi valutazzjoni tar-riskju għat-tbassir makroekonomiku bbażata fuq żbalji ta’ tbassir tal-passat u xenarji ta’ tbassir alternattivi bbażati fuq mudelli u jipproduċi tbassir makroekonomiku permezz ta’ għadd ta’ mudelli u tekniki ekonometriċi alternattivi. It-tbassir makroekonomiku jipprovdi l-bażi għal projezzjonijiet fiskali ekonomikament sensittivi li huma sottomessi lid-Diviżjoni tal-Affarijiet tal-Baġit bi tħejjija għat-tbassir baġitarju biannwali. Id-Direttorat huwa responsabbli għall-pubblikazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan tal-Baġit, il-Programm ta’ Stabbiltà, l-Istrateġija Fiskali għal Terminu Medju, ir-Rapport Annwali u r-Rapport ta’ Nofs is-Sena bħala parti mill-impenji ta’ rappurtar relatati mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u r-Responsabbiltà Fiskali. Id-Direttorat jipparteċipa fil-laqgħat tas-Sostituti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju li primarjament jittrattaw it-tfassil tal-politika fiskali fil-livell tal-UE u tal-Eurogroup fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Id-Direttorat jipprovdi wkoll inputs lil organizzazzjonijiet u aġenziji multilaterali bħall-Kummissjoni Ewropea, l-FMI u diversi aġenziji ta’ klassifikazzjoni. Jaġixxi wkoll bħala l-interface ewlenija bejn il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xoghol u l-Kunsill Konsultattiv Fiskali ta’ Malta.